Friday, March 9, 2012

Il-platt ta’ ħajti

Tikka wara tikka, imtela bil-ħmieġ.
Xtaqt infarfru u nġibu kif kien.
Imma ma ridnix.
Ried jibqa’ mġiddem u jgħożż it-trab.

Stħajtu u ħbejtu, biex ma jilmħuhx.
Bla ebda kas - ma kkoppax maħmuġ.
Issa rrid nidra.
Hekk kuntent joqgħod, x’niswa jien?

La jislem ir-riefnu u jtajjar dal-frak
Mill-ġdid u għal dejjem jintmesaħ il-platt.
Tinbidel surietu.
U fih nilmaħ xbiheti li qatt ma rajt.

Monday, March 5, 2012

Kif? Biex?

Il-qalb swiedet u  ħmaret ir-ruħ.
Ħfief il-laħam u l-għadam tqal.

In-nifs kesaħ u l-pompa fgat.
L-għajn intilfet u l-ħarsa żżellġet.

Kif?
Biex?

Ir-riħa ta’ demm li issa sar griż,
imliet kull m’hawn.
Għajtet iċ-ċawla tidwi fil-bogħod,
qorbot u ħasdet il-moħħ.

Wara dan, fommok jiċċaqlaq...
... joħroġ is-skiet.